L-Ordni Ewropew tal-Mertu 

  • X’inhu l-ordni ewropew tal-mertu? 

    L-Ordni Ewropew tal-Mertu jonora l-kisbiet ta’ persuni li jkunu taw kontribut sinifikanti għall-integrazzjoni Ewropea jew għall-promozzjoni u għad-difiża tal-valuri minquxa fit-Trattati. L-għan tiegħu huwa li jkun ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet tal-futur, filwaqt li jenfasizza l-kuraġġ ċiviku u l-impenn lejn l-ideali Ewropej.

    L-Ordni Ewropew tal-Mertu tnieda fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, li wittiet it-triq tal-għaqda Ewropea. Filwaqt li juri apprezzament għall-isforzi li jsaħħu lill-Ewropa kollha kemm hi, huwa l-ewwel onorifiċenza Ewropea ta’ dan it-tip mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-UE u jikkomplementa l-onorifiċenzi u d-dekorazzjonijiet nazzjonali.

    Fi żminijiet ta’ inċertezza globali, l-għan tiegħu huwa li jafferma mill-ġdid il-valuri komuni billi jonora lil dawk li ddefendew il-paċi, id-demokrazija u d-dinjità tal-bniedem.

    L-Ordni Ewropew tal-Mertu jikkonsisti minn tliet gradi onorifiċi krexxenti:

    • Membru tal-Ordni,
    • Membru Onorevoli tal-Ordni,
    • Membru Illustri tal-Ordni.
  • Il-proposti għall-ħatra jistgħu jsiru:

    • mill-President tal-Parlament Ewropew;
    • mill-President tal-Kunsill Ewropew;
    • mill-President tal-Kummissjoni Ewropea;
    • mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill Ewropew;
    • mill-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

    Il-ħatra fl-Ordni għandha ssir permezz ta’ proċedura annwali, li fl-ambitu tagħha jistgħu jinħatru sa 20 persuna magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza kull sena. Minbarra l-proċedura annwali, jistgħu jinħatru fl-Ordni sa ħames persuni oħra magħżula biex jirċievu l-onorifiċenza biex tingħata risposta f’waqtha għal avvenimenti jew okkażjonijiet istituzzjonali sinifikanti.

    Id-deċiżjoni tittieħed minn kumitat ta’ selezzjoni maħtur għal 4 snin mill-Bureau tal-Parlament Ewropew. Il-kumitat jikkonsisti mill-President tal-Parlament Ewropew, minn żewġ Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew u minn 4 personalitajiet Ewropej eminenti.

    Il-kumitat ta’ selezzjoni maħtur attwalment mill-Bureau jikkonsisti mill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, mill-Viċi Presidenti Ewa Kopacz u Sophie Wilmès u mill-personalitajiet Ewropej eminenti Michel Barnier, José Manuel Barroso, Josep Borrell u Enrico Letta.

Contact: