Skopri min huma l-presidenti tal-kumitati tal-Parlament

Il-kumitati huma l-muturi tal-ħidma leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew. Skopri min imexxihom.

Il-kumitati tal-Parlament eleġġu l-presidenti u l-viċi presidenti tagħhom fil-bidu tat-terminu leġiżlattiv il-ġdid f’Lulju 2024.

 

F'Diċembru 2024, il-Parlament iddeċieda li jbiddel is-sottokumitati eżistenti dwar is-Sigurtà u d-Difiża (SEDE) u dwar is-Saħħa Pubblika (SANT) f'kumitati sħaħ.

Wara din id-deċiżjoni, il-Parlament issa għandu 22 kumitat permanenti u żewġ sottokumitati, li jkopru l-firxa sħiħa ta' oqsma ta’ politika mill-ambjent sal-kummerċ internazzjonali.

 

Il-kumitati huma responsabbli biex ifasslu l-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar il-proposti leġiżlattivi, li mbagħad jiġu diskussi u vvutati matul sessjoni plenarja. Huma jħejju wkoll rapporti fuq l-inizjattiva tagħhom, jaħtru timijiet tan-negozjati biex iwettqu taħditiet mal-Kunsill, jorganizzaw seduti ta’ smigħ mal-esperti u jiskrutinizzaw istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE.

 

Bħal fil-każ ta’ karigi oħra bħall-president u l-viċi presidenti tal-Parlament, il-presidenti u l-viċi presidenti tal-kumitati permanenti u s-sottokumitati jiġu eletti għal perjodu ta’ sentejn u nofs, jiġifieri nofs il-leġiżlatura tal-Parlament.

 

Il-Parlament jista' wkoll iwaqqaf kumitati speċjali jew ta' inkjesta. B'differenza mill-kumitati permanenti, dawn jiġu stabbiliti għal perjodu limitat ta' żmien li jista' jiġi estiż.

 

Il-Membri tal-PE ddeċidew li jistabbilixxu żewġ kumitati speċjali f'Diċembru 2024:

  • It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija (EUDS): Dan il-kumitat se jaħdem biex jiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-indħil barrani, id-diżinformazzjoni u t-theddid kontra d-demokrazija.
  • Il-Kriżi tal-Akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea (HOUS): Dan il-kumitat se jimmira li joħroġ b'soluzzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqas ta' akkomodazzjoni affordabbli fl-UE.
Laqgħa kostituttiva  tal-Kumitati li saret fil-Parlament nhar it-Tlieta 23 ta' Lulju 2024 fi Brussell.
Laqgħa kostituttiva tal-Kumitati li saret fil-Parlament nhar it-Tlieta 23 ta' Lulju 2024 fi Brussell.

Aktar dwar il-kumitati