Spjegazzjoni tal-baġit fit-tul tal-UE
Kif inhi ffinanzjata l-UE u fejn imorru l-flus? Kompli aqra biex tifhem x’inhu l-baġit fit-tul tal-UE u kif jiġi deċiż.
Werrej
- X’inhu l-baġit fit-tul tal-UE?
- L-UE fuq xiex tonfoq il-flus?
- Il-baġit fit-tul tal-UE kif jiġi ffinanzjat?
- Il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE kif se jiġi deċiż?
- Il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit fit-tul li jmiss
- X’jaħseb il-PE dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit
- Xi jmiss jiġi deċiż dwar il-baġit tal-UE 2028-2034?
Il-baġit fit-tul tal-UE jgħin lil miljuni ta’ Ewropej, inklużi bdiewa, studenti, riċerkaturi, bliet, negozji, reġjuni u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Dan il-baġit jikkontribwixxi għal riċerka tal-ogħla livell kif ukoll għal ikel aħjar għas-saħħa u aktar sikur. Jikkontribwixxi wkoll għal toroq, ferroviji u ajruporti ġodda u aħjar, ambjent aktar nadif u sigurtà aħjar fil-fruntieri esterni tal-UE.
L-idea bażika hija li meta niġbru r-riżorsi flimkien, l-Ewropa ssir aktar b’saħħitha u l-prosperità tikber.
Peress li l-baġit fit-tul attwali japplika mill-2021 sal-2027, it-tħejjija għall-baġit fit-tul li jmiss tinsab fi stadju avvanzat.
X’inhu l-baġit fit-tul tal-UE?
Il-baġit fit-tul tal-UE xi drabi jissejjaħ ukoll il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), kif jissejjaħ fit-Trattat tal-UE. Dan jistabbilixxi limiti dwar kemm l-UE tista’ tinvesti flus fuq perjodu ta’ ħames snin jew aktar f’oqsma ta’ politika differenti. Il-baġits fit-tul reċenti ġew stabbiliti għal seba’ snin.
Waħda mir-raġunijiet għaliex l-UE għandha baġit fit-tul hija biex il-benefiċjarji tal-programmi li l-UE trid tiffinanzja jkun aktar faċli għalihom jippjanaw u jżidu l-effiċjenza tagħhom. Din il-prevedibbiltà hija meħtieġa, pereżempju, għar-riċerkaturi li jaħdmu fuq proġetti xjentifiċi li jieħdu diversi snin biex jitlestew jew għall-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali kbar.
Il-baġit fit-tul jeħtieġ ukoll ċertu flessibbiltà biex jindirizza kriżijiet u emerġenzi mhux previsti, bħal pandemiji jew diżastri naturali b’riżultat ta’ avvenimenti estremi tat-temp. Għalhekk jinkludi għadd ta’ strumenti biex jiżgura li l-flus ikunu jistgħu jintużaw fejn ikun l-aktar meħtieġ f’ċirkostanzi mhux ippjanati.
Għall-kuntrarju tal-baġits nazzjonali, il-baġit tal-UE huwa pjuttost baġit ta’ investiment. Pereżempju, ma jiffinanzjax l-edukazzjoni primarja jew is-sistemi tas-saħħa nazzjonali. Minflok, l-enfasi hija l-aktar fuq oqsma fejn l-UE tista’ tagħmel differenza billi tisfrutta l-ekonomiji ta’ skala, tevita d-duplikazzjoni, tagħti spinta lit-tkabbir u l-kompetittività jew tqiegħed is-solidarjetà fil-prattika.
L-UE fuq xiex tonfoq il-flus?
Il-baġit tal-UE jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, l-investiment fin-networks Ewropej tat-transport u l-enerġija, u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), bl-għan li tingħata spinta lit-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi fl-UE.
L-akbar porzjon ta’ finanzjament tal-baġit fit-tul attwali huwa allokat għall-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE, flimkien mal-politika komuni tas-sajd u l-politika ambjentali. Warajhom insibu l-programmi tal-politika ta’ “koeżjoni” li jappoġġjaw reġjuni ifqar. Il-baġit fit-tul jiffinanzja wkoll għajnuna umanitarja internazzjonali u proġetti għall-iżvilupp.
Aqra aktar dwar il-programmi appoġġjati mill-baġit fit-tul u l-proġetti ffinanzjati fir-reġjun tiegħek.
Il-baġit fit-tul tal-UE kif jiġi ffinanzjat?
Il-finanzjament tal-baġit fit-tul tal-UE jiġi minn taħlita ta’ diversi sorsi ta’ dħul. Dawn jinkludu dawn li ġejjin:
- Aktar minn nofs il-baġit tal-UE ġej minn kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi tal-UE ta’ ftit aktar minn 1% tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom;
- dazji tal-importazzjoni fuq prodotti minn barra l-UE;
- multi imposti fuq kumpaniji li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE;
- perċentwal żgħir mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura minn kull Stat Membru;
- mill-2021, kontribuzzjoni mill-pajjiżi tal-UE bbażata fuq il-kwantità ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat li jipproduċu.
Fil-futur jistgħu jiżdiedu aktar sorsi ta’ dħul għall-baġit tal-UE.
F’Novembru 2023, il-Parlament ta l-appoġġ tiegħu għal proposta tal-Kummissjoni biex jiġu introdotti tliet sorsi ġodda: dħul mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet; dħul minn imposta fuq il-karbonju fuq oġġetti importati, u kontribuzzjoni bbażata fuq il-profitti korporattivi. Sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ, din il-proposta jeħtiġilha tiġi approvata unanimament mill-Kunsill tal-UE u mbagħad ratifikata mis-27 Stat Membru, iżda ftit li xejn sar progress.
Fl-2025 il-Kummissjoni pproponiet sorsi ġodda ta’ dħul biex tiffinanzja l-baġit fit-tul il-ġdid, li jibda fl-2028. Hija ppreżentat tliet ideat ġodda dwar sorsi ġodda ta’ dħul, inkluż dazju tas-sisa fuq it-tabakk, kontribuzzjoni annwali ta’ somma f’daqqa minn kumpaniji għajr kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, u dazji fuq l-iskart elettroniku u l-kummerċ elettroniku.
Il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE kif se jiġi deċiż?
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta tagħha għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE f’Lulju 2025.
Fil-Parlament, il-Membri tal-PE eżaminaw il-proposta tal-Kummissjoni u ħejjew il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom.
Ladarba l-pajjiżi tal-UE jkunu ddeċidew dwar il-pożizzjoni tagħhom fil-Kunsill, ikunu jistgħu jibdew in-negozjati biex jintlaħaq ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss qabel tmiem l-2027.
Il-baġit fit-tul irid jiġi adottat unanimament mill-Istati Membri fil-Kunsill. Iżda qabel dan, il-Parlament Ewropew jeħtieġ li jagħti l-kunsens tiegħu.
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit fit-tul li jmiss
Il-baġit fit-tul tal-UE attwali japplika mill-2021 sal-2027, u huwa stmat għal €1.2 triljun (fi prezzijiet tal-2025). Meta ġie adottat fl-2020, dan kien jirrappreżenta 1.13% tal-introjtu nazzjonali gross (ING).
Il-Kummissjoni kemm qed tipproponi għall-baġit il-ġdid tal-UE?
Il-Kummissjoni qed tipproponi baġit fit-tul għall-2028–2034 ta’ €1.76 triljun (fi prezzijiet tal-2025) għas-seba’ snin, li jikkorrispondi għal 1.26% tal-ING tal-UE. Dan jinkludi €149.3 biljun (0.11 % tal-ING tal-UE) għall-ħlas lura tad-dejn imġarrab għall-istrument ta’ rkupru Next Generation EU li ġie stabbilit biex jindirizza l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.
Bidliet possibbli fl-istruttura tal-baġit
Il-Kummissjoni qed tipproponi li tirristruttura u tissimplifika l-baġit b’mod sinifikanti, billi tnaqqas l-għadd ta’ intestaturi tal-baġit u tgħaqqad flimkien diversi programmi.
Il-prijoritajiet ta’ nfiq proposti huma maqsuma f’erba’ intestaturi.
L-intestatura 1 hija għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-affarijiet marittimi, il-prosperità u s-sigurtà. Din hija l-akbar intestatura, li tammonta għal madwar 50% tal-baġit globali.
L-intestatura 2 tiffoka fuq il-kompetittività, il-prosperità u s-sigurtà, u tammonta għal madwar 30% tal-baġit totali.
Ċentrali għal din l-intestatura huwa Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid, li se jimmaniġġja l-investiment f’Orizzont Ewropa (il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni) u erba’ oqsma ta’ politika prijoritarji: ir-reżiljenza u s-sigurtà, l-industrija tad-difiża u l-ispazju; it-tmexxija diġitali; it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u d-dekarbonizzazzjoni industrijali; u s-saħħa, il-bijoteknoloġija u l-bijoekonomija.
Din l-intestatura tinkludi wkoll l-Erasmus+, li huwa kkombinat mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
L-intestatura 3 tissejjaħ Ewropa Globali. Din tammonta għal madwar 10% tal-baġit propost u tappoġġja l-azzjoni esterna tal-UE, prinċipalment permezz tal-Fond Ewropa Globali.
L-intestatura 4 hija ddedikata għall-amministrazzjoni u tirrappreżenta madwar 6% tat-total. Din tkopri s-salarji tas-servizz ċivili tal-UE, il-pensjonijiet u l-bini, u l-Iskejjel Ewropej.
X’inhuma l-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali proposti?
Taħt l-intestatura 1, kull pajjiż tal-UE se jkollu l-pjan tiegħu. Dan se jinkludi appoġġ għall-bdiewa u r-reġjuni inqas żviluppati u se jkopri wkoll il-migrazzjoni u s-sigurtà tal-fruntieri. Dawn il-pjanijiet se jiġbru flimkien ir-riżorsi li qabel kienu maqsuma fuq għadd ta’ programmi separati. Bil-ġbir flimkien ta’ dawn ir-riżorsi, il-Kummissjoni tittama li żżid il-flessibbiltà u s-sinerġiji bejn il-politiki. Filwaqt li jappoġġja l-idea tal-flessibbiltà, il-Parlament irid jiżgura li t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont ma jbatux taħt din l-istruttura baġitarja l-ġdida.
Id-dħul tal-UE
Biex il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE ma jinbidlux, il-Kummissjoni qed tipproponi sorsi ġodda ta’ dħul. Dawn jinkludu: taxxa fuq l-iskart elettroniku; dazju fuq it-tabakk; is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri; u taxxa korporattiva fuq kumpaniji kbar.
X’jaħseb il-PE dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit
Il-Parlament approva l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu għall-baġit 2028-2034 f’April 2026. Din il-pożizzjoni tinkludi l-ammonti speċifiċi li trid talloka għal kull programm ta’ finanzjament tal-UE.
Il-kontroproposta tal-Parlament għall-baġit totali
Diżappuntati b’dak li jqisuh bħala nuqqas ta’ ambizzjoni mill-Kummissjoni, il-Membri tal-PE jridu li l-baġit li jmiss jiġi stabbilit għal 1.27% tal-ING tal-UE, filwaqt li s-servizz tad-dejn għall-fond għall-irkupru NextGenerationEU (0.11% tal-ING) jinżamm barra mill-pakkett baġitarju għall-finanzjament tal-programmi operazzjonali għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
Dan ikun ifisser żieda ta’ madwar 10% meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni.
Il-Membri tal-PE jgħidu li dan huwa l-ammont minimu ta’ flus li l-UE teħtieġ biex tissodisfa l-impenji tagħha, twieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini, u tindirizza l-isfidi ewlenin, inklużi l-gwerra possibbli fuq skala kbira fl-Ewropa, l-isfidi ekonomiċi u soċjali, id-distakk fil-kompetittività, u l-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità li sejrin għall-agħar.
Din iż-żieda fil-finanzjament għandha tkun imqassma b’mod ugwali bejn it-tliet intestaturi tal-baġit li jiffinanzjaw il-prijoritajiet tal-UE (mingħajr ebda żieda fil-finanzjament amministrattiv), u għandha sservi biex tiżgura li l-baġit ikun protett minn xokkijiet inflazzjonarji.
Il-fehmiet tal-Membri tal-PE dwar l-istruttura l-ġdida u l-pjanijiet nazzjonali
Għalkemm mhumiex qed jagħmlu bidliet sinifikanti fl-istruttura simplifikata l-ġdida proposta mill-Kummissjoni, il-Membri tal-PE jopponu bil-qawwa n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-baġit tal-UE. Huma jwissu li l-approċċ ta’ “pjan wieħed għal kull Stat Membru” tal-Kummissjoni jista’ jimmina l-politiki tal-UE, inaqqas it-trasparenza, u joħloq kompetizzjoni bejn il-benefiċjarji.
B’kuntrast ma’ dan, il-Membri tal-PE jridu allokazzjonijiet distinti għad-diversi politiki skont il-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali, għall-politika agrikola komuni u l-politika tas-sajd, kif ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi, il-politika ta’ koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew u l-affarijiet interni.
Il-Membri tal-PE jridu wkoll li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu involuti bis-sħiħ fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi.
Il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-finanzjament ta’ inizjattivi ta’ kompetittività
Il-Membri tal-PE jilqgħu l-proposta tal-Kummissjoni li tirdoppja l-finanzjament biex jissaħħu l-kompetittività, il-kapaċità tad-difiża, l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura tal-UE. Madankollu, huma jappellaw għal appoġġ akbar għal programmi ewlenin bħall-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK), Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, AgoraEU u l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili, kif ukoll finanzjament iddedikat għal EU4Health u azzjonijiet relatati mal-programm LIFE fl-ambitu tal-FEK.
Il-Membri tal-PE jgħidu li ż-żieda proposta fir-riżorsi għall-azzjoni esterna mhijiex biżżejjed, minħabba l-iskala tal-isfidi u t-theddid esterni, u jappellaw għal finanzjament akbar għat-tkabbir, l-iżvilupp, l-Ukrajna, il-kooperazzjoni multilaterali u l-għajnuna umanitarja.
Theddida għat-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont
Il-Membri tal-PE jinsistu li kwalunkwe simplifikazzjoni tal-baġit ma għandhiex iddgħajjef it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u s-sorveljanza demokratika, jew l-iżgurar ta’ awditjar xieraq tan-nefqa. Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa għall-flessibbiltà, huma jwissu li l-flessibbiltà mingħajr trasparenza tista’ ddgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-UE.
Il-Membri tal-PE jenfasizzaw ukoll li r-rispett għall-valuri tal-UE u l-istat tad-dritt għandu jkun prerekwiżit għall-aċċess għall-fondi tal-UE, filwaqt li għandu jiġi evitat li r-riċevituri finali jiġu ppenalizzati b’riżultat ta’ ksur tal-istat tad-dritt mill-gvernijiet tagħhom.
Il-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-aspetti relatati mad-dħul
Il-Parlament jilqa’ l-introduzzjoni proposta ta’ “riżorsi proprji” ġodda. Barra minn hekk, jissuġġerixxi sorsi alternattivi possibbli oħra ta’ dħul, li għandhom jiġu kkunsidrati jekk xi wieħed mis-suġġerimenti jiġi rrifjutat mill-pajjiżi tal-UE. Dawn l-alternattivi jinkludu imposta fuq is-servizzi diġitali, imposta fuq il-logħob tal-azzard online, estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, jew imposta fuq il-qligħ kapitali mill-kriptoassi.
Xi jmiss jiġi deċiż dwar il-baġit tal-UE 2028-2034?
Il-Parlament huwa lest biex jibda n-negozjati mal-Kunsill dwar ir-regolament li jistabbilixxi l-istruttura u ċ-ċifri ewlenin għall-baġit 2028-2034.
It-taħditiet ikunu jistgħu jibdew ladarba l-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni konġunta tiegħu f’isem il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE, iżda l-kunsens tal-Parlament hu meħtieġ biex il-baġit jiġi approvat.
Aktar informazzjoni
- Il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Parlament dwar il-baġit fit-tul li jmiss
-
Is-sit web tal-Parlament iddedikat għall-baġit fit-tul
jiftaħ f'paġna ġdida
- Il-prijoritajiet tal-Parlament għall-baġit tal-UE għal wara l-2027, kif iddikjarati f’Mejju 2025
- Ġabra ta’ materjal għall-istampa dwar il-baġit fit-tul tal-UE