Kif torganizza trattament mediku ppjanat f’pajjiż ieħor tal-UE
Tista’ tagħżel li tingħata trattament mediku f’pajjiż ieħor tal-UE, jew minħabba li ż-żmien ta’ stennija f’pajjiżek stess huwa twil wisq, jew minħabba li l-intervent li tixtieq ma jkunx disponibbli f’pajjiżek, jew għal xi raġuni oħra.
Bħala regola ġenerali, jekk it-trattament jew l-intervent li teħtieġ ikun inkluż fil-polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika tiegħek f’pajjiżek, huwa d-dritt tiegħek bħala ċittadin tal-UE li tiġi rimborżat għall-istess trattament xi mkien ieħor fl-UE (sakemm tissodisfa ċerti kundizzjonijiet).
F’xi każijiet, jista’ jkollok bżonn tikseb awtorizzazzjoni minn qabel.
Liema trattamenti jew interventi huma koperti
- konsultazzjonijiet
- kura speċjalizzata
- dijanjostika
- operazzjoni
- fost proċeduri u appuntamenti oħra.
Liema spejjeż huma koperti
Skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħek, tiġi rimborżat jew skont ir-rati ta’ rimborż ta’ pajjiżek, jew ir-rati tal-pajjiż tat-trattament — skont liema jkunu l-irħas.
L-ammont kopert jista’ jvarja wkoll skont jekk tmurx fi stabbiliment pubbliku jew privat (innota li l-istabbilimenti privati jew semiprivati jiffurmaw parti mis-sistemi tas-saħħa pubblika ta’ xi pajjiżi).
Filwaqt li t-trattamenti jew l-interventi li huma inklużi fil-polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika tiegħek f’pajjiżek huma ġeneralment koperti, jista’ jkun li tkun tista’ tiġi rimborżat anke jekk ma jkunux parti mill-assigurazzjoni tas-saħħa statutorja tiegħek. Dan jista’ japplika, pereżempju, f’każijiet fejn it-trattament jew l-intervent ma jiġix offrut f’pajjiżek minħabba li l-għarfien espert jew it-tagħmir professjonali meħtieġ ma jkunx disponibbli. F’xi każijiet, ir-rimborż jiġi approvat biss jekk l-intervent ma jkunx jista’ jinkiseb f’perjodu ta’ żmien raġonevoli fil-pajjiż ta’ oriġini.
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ispejjeż u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni huma r-responsabbiltà tiegħek bħala l-pazjent, u mhux tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali tal-pajjiżi rispettivi.
Skopri jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet
L-awtorizzazzjoni minn qabel mhux dejjem tkun meħtieġa. Madankollu, dan jista’ jkun meħtieġ għal interventi li jinkludu soġġorni matul il-lejl, proċeduri serji ħafna jew kumplessi, jew proċeduri li jinvolvu tagħmir mediku għali.
L-aħjar mod biex issir taf jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet biex tiġi rimborżat għall-kura tas-saħħa barra minn pajjiżek huwa li tikkuntattja lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali (għall-kura tas-saħħa transfruntiera) f’pajjiżek. Kull pajjiż tal-UE għandu Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali. Huma għandhom l-informazzjoni kollha dwar ir-regoli li jirregolaw il-kura tas-saħħa transfruntiera applikabbli għalik.
Hija r-responsabbiltà tiegħek li tiċċekkja jekk it-trattament partikolari li teħtieġ jeħtieġx awtorizzazzjoni minn qabel. Jekk tonqos milli tikseb approvazzjoni għal intervent li huwa soġġett għal dan ir-rekwiżit, ma tistax tiġi rimborżat.
Le, m’għandix bżonn awtorizzazzjoni minn qabel
Inti ġejt infurmat mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali li ma għandekx bżonn awtorizzazzjoni minn qabel għall-intervent mediku tiegħek barra minn pajjiżek. Tista’ tkompli u torganizza l-appuntament(i) tiegħek.
- Se jkollok bżonn tagħti prova lill-fornitur tal-kura tas-saħħa barra minn pajjiżek li għandek kopertura tal-assigurazzjoni nazzjonali f’pajjiżek. L-aħjar mod biex tagħmel dan huwa billi tippreżenta l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC). Jekk m’għandekx EHIC, skopri kif tista’ tiksibha hawnhekk.
- Il-preżentazzjoni tal-EHIC tiegħek hija l-uniku mod biex turi li għandek assigurazzjoni tas-saħħa f’pajjiżek. L-EHIC hija disponibbli bħala kard fiżika. F’xi pajjiżi, l-EHIC hija disponibbli bħala app li tista’ titniżżel fil-mowbajl tiegħek.
- Jekk ma tistax tagħti prova lill-fornitur tal-kura tas-saħħa barra minn pajjiżek li għandek assigurazzjoni nazzjonali f’pajjiżek, tiġi ttrattat daqslikieku m’għandekx assigurazzjoni u tiġi ċċarġjat skont l-ispejjeż mediċi f’dak il-pajjiż. F’każijiet bħal dawn, xorta tista’ tapplika għal rimborż aktar tard mill-assigurazzjoni nazzjonali tiegħek, u x’aktarx tiġi rimborżat sakemm il-proċedura ma tkunx fil-lista ta’ dawk li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel.
Iva, neħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel
Inti ġejt infurmat mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali f’pajjiżek li l-intervent mediku li tixtieq jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel. Il-pass li jmiss huwa li tikkuntattja lill-organizzazzjoni pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa f’pajjiżek, jiġifieri dik li inti rreġistrat magħha għall-kura tas-saħħa pubblika.
- Jekk l-assiguratur tas-saħħa pubblika tiegħek jiddeċiedi li l-intervent jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, tirċievi awtorizzazzjoni. Dawn jagħtuk dokument imsejjaħ formola S2.
- Għandek tibgħat il-formola S2 lill-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni kontroparti fil-pajjiż fejn qed tippjana li tingħata t-trattament. (Din il-formola qabel kienet magħrufa bħala formola E112 u f’xi postijiet tista’ xorta ssir referenza għaliha bħala tali).
- Skont iċ-ċirkostanzi, huwa possibbli li l-assiguratur tas-saħħa nazzjonali tiegħek jorganizza l-ħlas mal-istituzzjoni rilevanti barra mill-pajjiż f’ismek, sabiex ma tħallas xejn bil-quddiem.
Xi pajjiżi għandhom diversi organizzazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-għażla t-tajba jaf tkun teħtieġ xi riċerka. Il-punt ta’ Kuntatt Nazzjonali jista’ jgħinek f’dan, jew tista’ tiċċekkja din il-lista sħiħa ta’ istituzzjonijiet en fil-pajjiżi rilevanti għalik.
Twissija
Jekk diġà għamilt intervent mediku f’pajjiż ieħor tal-UE, u tixtieq tkun taf jekk intix se tiġi rimborżat, dan jiddependi fuq għadd ta’ fatturi. Tista’ tikkuntattja lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (ara hawn taħt) biex issir taf jekk tistax tieħu l-flus lura, kemm flus, x’inhi l-proċedura applikabbli, u liema dokumenti għandek tipprovdi.X’jistgħu jagħmlu l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali?
Kull pajjiż għandu Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-kura tas-saħħa transfruntiera. Fost affarijiet oħra, jistgħu jgħidulek
- jekk teħtieġx awtorizzazzjoni minn qabel
- jekk intx limitat li tirċievi kura fi kliniki/sptarijiet pubbliċi, jew jekk tistax tiġi rimborżat għal interventi mwettqa fi kliniki/sptarijiet privati
- kif se jiġi ġestit il-pagament/ir-rimborż
- jekk xi waħda mill-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni se tiġix rimborżata
- jekk hemmx xi struzzjonijiet speċjali li trid tkun taf bihom
- dwar il-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn tixtieq tivvjaġġa għall-kura tas-saħħa
- kif tittrażmetti r-rekords mediċi tiegħek lill-fornitur tal-kura tas-saħħa kontroparti barra mill-pajjiż.
Twissija
Kun ċert li tikkuntattja lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali korrett. Il-mistoqsijiet dwar il-kopertura, ir-rimborż eċċ. jistgħu jitwieġbu biss mill-awtoritajiet fil-pajjiż fejn għandek l-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika tiegħek (jiġifieri pajjiżek) u mhux mill-pajjiż fejn tixtieq tivvjaġġa għall-kura tas-saħħa.Storja bħala eżempju
Kif torganizza trattament mediku ppjanat f’pajjiż ieħor tal-UE
Kate tgħix l-Irlanda u teħtieġ kirurġija f’sinslitha. Il-kirurgu tagħha m’għandux dati disponibbli għas-sentejn li ġejjin. Hija ċċempel lill-isptarijiet kollha fl-Irlanda, iżda ma tistax issib kirurgu ieħor disponibbli. L-ispeċjalista tagħha qalilha li l-kundizzjoni tagħha sejra għall-agħar, u għalhekk tiddeċiedi li tara jekk il-kura hijiex possibbli barra mill-pajjiż.
Hija tagħmel xi riċerka u ssib li l-isptarijiet fil-Lussemburgu għandhom ħinijiet ta’ stennija qosra ħafna għat-tip ta’ kirurġija li teħtieġ. Issib klinika speċjalista fi sptar privat fil-Lussemburgu, iżda mhix ċerta kif se taqbad torganizza t-trattament tagħha hemmhekk. Iċċempel lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali fl-Irlanda, u jgħidulha li l-kirurġija li teħtieġ hija koperta mill-assigurazzjoni pubblika tagħha, iżda jenħtieġ li t-talba tagħha tiġi approvata minn qabel minħabba li tkun teħtieġ li ddum pjuttost fit-tul l-isptar. Tiġi infurmata wkoll li peress li l-klinika li għażlet hija privata, il-proċedura se tkun aktar għalja milli kieku tkun f’istituzzjoni pubblika. Għaldaqstant, se tiġi rimborżata bl-istess rata bħaċ-ċittadini li għaddejjin mill-istess proċedura fl-Irlanda.
Il-proċedura hija aktar għalja milli kieku kienet se ssir f’pajjiżha fi sptar pubbliku, iżda tiddeċiedi li vallapena tħallas id-differenza. Tikkuntattja lill-fornitur tal-assigurazzjoni pubblika tagħha fl-Irlanda, u ssegwi l-proċeduri fis-seħħ, kif mitlub mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali. Meta l-awtorizzazzjoni minn qabel tagħha tiġi approvata, iċċempel lill-klinika fil-Lussemburgu u tibgħatilhom il-fajls mediċi tagħha. Hija skedata għall-ewwel konsultazzjoni tagħha u tibda torganizza t-titjiriet.
Sib aktar informazzjoni dwar kif tikseb trattament mediku f’pajjiż ieħor tal-UE
Agħżel il-pajjiż
Ara wkoll:
- Il-punti ta' kuntatt għall-kura tas-saħħa transfruntiera
- Il-formoli standard għad-drittijiet tas-sigurtà soċjali
- Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC)
- Linji gwida għall-pazjenti li jingħataw trattament fi kwalunkwe pajjiż tal-UE en