Il-Briefing 
 

Tkabbir: negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja, l-Ukrajna u l-Moldova 

Il-Parlament mistenni jadotta rapporti annwali li jivvalutaw il-progress tal-Ukrajna, tal-Moldova u tas-Serbja lejn is-sħubija fl-UE, nhar l-Erbgħa.

Fl-abbozz ta' rapport dwar l-Ukrajna, il-MPE jfaħħru l-isforzi straordinarji tal-pajjiż biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi matul il-gwerra. Huma jilqgħu l-progress tal-Ukrajna fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni filwaqt li jappellaw għal riforma kontinwa f’dawn l-oqsma kritiċi, kruċjali biex il-pajjiż jitħejja għas-sħubija fl-UE.

Ir-rapport dwar il-Moldova jilqa’ l-progress tal-pajjiż fil-kapitoli kollha tan-negozjati u l-impenn eżemplari kontinwu tiegħu għar-riformi relatati mal-adeżjoni mal-UE minkejja sfidi interni u esterni sinifikanti. Il-MPE jħeġġu lill-Moldova taċċellera l-pass tar-riformi ewlenin f'konformità mal-objettiv ambizzjuż iżda li jista' jintlaħaq tagħha li tagħlaq b'mod proviżorju n-negozjati tal-adeżjoni sal-bidu tal-2028 u li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea sal-2030.

Il-progress tas-Serbja lejn l-adeżjoni mal-UE waqaf, jgħidu l-MPE fl-abbozz ta' rapport tagħhom bit-tħassib iffukat b'mod predominanti fuq l-istat tad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Fost il-kwistjonijiet urġenti li għandhom jiġu solvuti hemm polarizzazzjoni politika akbar u l-ħtieġa għal riformi strutturali, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-MPE jenfasizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim komprensiv ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo u li jinkiseb allinjament sħiħ mal-politika barranija tal-UE.


Qabel il-votazzjonijiet fil-plenarja, il-MPE se jorganizzaw dibattiti nhar it-Tlieta. Wara l-votazzjonijiet, ir-rapporteurs permanenti għas-Serbja u l-Moldova se jorganizzaw konferenzi stampa.

Proċedura: Riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja

Dibattiti: It-Tlieta 7 ta' Lulju

Votazzjonijiet: : L-Erbgħa 8 ta' Lulju

Konferenza stampa dwar is-Serbja: L-Erbgħa 8 ta' Lulju, 15.00

Konferenza stampa dwar il-Moldova: L-Erbgħa 8 ta' Lulju, 14.30